Daħla għar-Raba’ Edizzjoni
Bi pjaċir qed nippreżentaw ir-Raba’ Edizzjoni ta’ Il-Bibbja wara li l-Ewwel Edizzjoni ħarġet madwar tletin sena ilu, it-Tieni ġiet stampata fl-1996, waqt li t-Tielet ġiet stampata fis-sena 2004. Din ir-Raba’ Edizzjoni kienet neċessarja kemm minħabba d-diversi bidliet fl-ortografija li daħħal fl-2004 il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, bidliet li fil-kotra minnhom kienu ġa ddaħħlu fit-test tat-Tielet Edizzjoni, u kemm li xtaqna nikkonfermaw il-linja l-ġdida li ħadna mat-Tielet Edizzjoni meta għamilna mill-Bibbja tagħna Bibbja ‘inter-konfessjonali’.
Bibbja Inter-konfessjonali
Xi tfisser Bibbja inter-konfessjonali? Nirrepetu dak li ghidna fit-Tielet Edizzjoni. Bibbja Inter-konfessjonali tagħraf li ser tinqara minn nies li ma jagħmlux sehem minn Knisja nisranija waħda, imma wkoll minn diversi komunitajiet ekkleżjali. U mhux l-insara kollha jaqblu x’għandu jitqies bħala ispirat u kanoniku fil-Bibbja. Ngħidu aħna, l-insara kollha jaqblu li l-Ktieb tal-Ġenesi u l-erba’ Evanġelji għandhom jitqiesu bħala ispirati, jiġifieri li għandhom lil Alla bħala awtur u għalhekk għandhom jinqraw bħala l-Kelma ta’ Alla (2Tim 3,16-17), u li jagħmlu parti mill-kanoni tal-Knisja. Imma dan ma nistgħux ngħiduh għall-Ktieb ta’ Bin Sirak jew għal Ktieb il-Għerf.
Il-mexxejja u l-istudjużi Lhud qatgħuha li għalkemm dawn il-kotba kienu popolari ferm fost il-qarrejja Lhud fi żmien Kristu, ma kellhomx jitqiesu bħala li huma mil-‘Liġi u l-Profeti’, jiġifieri mill-kitbiet li huma kienu jżommu bħala li ġejjin minn Alla u li għalhekk kellhom iqisuhom bħala ‘kotba mqaddsa’. Il-lista tal-kitbiet li l-Lhud kienu jqimu bħala ‘kotba mqaddsa’ ma kinitx tinkludi dawn li ġejjin: Tobit, Ġuditta, 1-2 Makkabin, Ktieb il-Għerf, il-Ktieb ta’ Bin Sirak, u l-Ktieb ta’ Bàruk. Magħhom irridu ngħoddu dawk is-siltiet li matul l-istorja żdiedu mal-kotba ta’ Ester u tal-profeta Danjel; dawn iż-żjidiet ukoll tqiesu mil-Lhud bħala li ma kinux ispirati u hekk ma setgħux jitqiesu bħala ‘kanoniċi’, li jfisser li ma setgħux jinżammu bħala li kienu jagħmlu parti mil-lista uffiċjali tal-kotba mqaddsa (il-kanoni).
San Ġirolmu
Fost l-insara tal-ewwel sekli kien hemm min aċċetta l-ġudizzju tal-Lhud u beda jżomm dawn il-kotba u dawn is-siltiet bħala li mhumiex ispirati u għalhekk mhux kanoniċi. Fosthom insemmu lil San Ġirolmu li tqabbad mill-Knisja biex jaqleb il-Bibbja għal-Latin. San Ġirolmu kien jiddistingwi bejn kotba kanoniċi u kotba ekkleżjastiċi, jiġifieri ‘tal-Knisja’. B’dawk tal-ewwel kien jifhem dawk il-kotba li l-Lhud aċċettaw bħala li jagħmlu sehem mil-‘Liġi u l-Profeti’, jiġifieri mill-Iskrittura Mqaddsa; b’dawk tat-tieni kien jifhem il-kotba li l-Lhud ħallew barra mill-kanoni tagħhom imma li l-Knisja sa żmienu kienet għadha taqra bħala li kienu ispirati u għalhekk kanoniċi. Għax il-Knisja ta’ żmien San Ġirolmu kienet tqis bħala kotba mqaddsa numru ta’ kotba li wirtet mingħand il-Lhud imma li l-Lhud ma kinux aċċettaw bħala ispirati u kanoniċi meta, x’aktarx fit-tieni seklu wK, il-Lhud ‘għalqu l-kanoni tagħhom’.
Santu Wistin
Jidher li l-maġġoranza tal-insara u tal-mexxejja tagħhom ma qablux mal-ħsieb ta’ San Ġirolmu u mxew minflok wara Santu Wistin; dawn kienu jsostnu li l-Knisja ma setgħetx toqgħod fuq x’jgħidu l-Lhud dwar liema kotba kellhom jagħmlu sehem mill-kanoni tagħha tal-kotba mqaddsa. Kellha toqgħod minflok fuq dak li jqanqal fiha l-Ispirtu s-Santu. Għalhekk il-Knisja kienet taqra wkoll bħala ispirati dawk il-kotba u s-siltiet minn kotba li l-Lhud ħallew barra mill-kanoni tagħhom u li San Ġirolmu sejjaħ ‘kotba ekkleżjastiċi’. Saru diversi konċilji reġjonali li approvaw ‘il-kanoni t-twil’ tal-Knisja; imma jidher li sa żmien il-Konċilju ta’ Trentu (beda fl-1545 wK) qatt ma nħass il-bżonn li l-kanoni jiġi definit mill-Knisja universali, billi kienu jaħsbu li ma kienx hemm opinjonijiet wisq differenti minn xulxin dwar din il-verità.
Imma fis-seklu sittax il-Knisja fil-Punent ġarrbet il-qasma l-kbira, b’popolazzjonijiet sħaħ fl-Ewropa jħallu l-Knisja Kattolika, u li bdew jaħsbuha b’mod differenti mill-Knisja dwar liema kotba kellhom jagħmlu parti mill-kanoni.
Kien għalhekk li l-Knisja Kattolika ħasset il-bżonn li tiddefinixxi l-kanoni bibliku tagħha, il-kanoni t-twil, li kien jinkludi dawk il-kitbiet u s-siltiet minn kotba li l-Lhud kienu ħallew barra mil-lista tagħhom, u li bdew jissejjħu ‘l-kotba dewterokanoniċi’ billi ġew definittivament aċċettati fil-kanoni mill-Knisja wara diskussjoni twila, filwaqt li dawk il-kotba li mill-bidu ġew aċċettati mil-Lhud u mill-insara kollha bdew jissejjħu ‘protokanoniċi.’ Il-Protestanti min-naħa tagħhom żammew mal-opinjoni ta’ San Ġirolmu u bdew jikkonsidraw lid-dewterokanoniċi bħala li ma kinux jagħmlu parti mill-Iskrittura Mqaddsa. Uħud imxew fuq il-passi ta’ Martin Luteru u baqgħu jippubblikaw il-kitbiet dewterokanoniċi f’post għalihom fil-Bibbja, billi kienu jsostnu li għalkemm ma kinux Skrittura Mqaddsa xorta kienu kotba ta’ min jaqrahom għall-ħajja spiritwali. Protestanti oħrajn iddeċidew li jħallu għalkollox barra mill-Bibbja d-dewterokanoniċi.
Aħna ergajna ppubblikajna d-dewterokanoniċi f’post għalihom fil-Bibbja għaliex nafu li l-Bibbja tagħna tinqara kemm minn insara Kattoliċi li jgħożżu d-Dewterokanoniċi bħala Kotba Mqaddsa, u kemm minn insara li jagħmlu parti mill-Komunitajiet tat-Tradizzjoni Protestanta. L-għażla tagħna hi wkoll imqanqla minn raġunijiet pastorali, biex bl-istess Bibbja naqdu mill-aħjar li nistgħu lill-insara kollha minkejja li nirrikonoxxu li l-kotba li inkludejna f’dan il-volum mhux kulħadd iqishom l-istess. Fl-istess ħin, ahna qed nimxu fuq il-ftehim li ntlaħaq bejn il-United Bible Societies u s-Santa Sede fl-1968 u mġedded fl-1987 ftehim li nsibuh fid-dokument Guidelines for Interconfessional Cooperation in Translating the Bible.
Il-Kotba ta’ Ester u Danjel
Kelma tal-aħħar dwar il-kotba ta’ Ester u Danjel. Bħalma wieħed jista’ jintebaħ mill-werrej, dawn il-kotba nsibuhom darbtejn. Dan għaliex is-siltiet li żdiedu mal-oriġinal Lhudi jew Aramajk qajjmu diskussjoni jekk humiex ispirati. Il-Knisja tal-bidu ltaqgħet ma’ dawn il-kotba fil-verżjoni Griega tagħhom imsejjħa s-‘Settanta’; u f’din il-verżjoni l-kotba jidhru ‘miżjuda’. Iż-żjidiet li saru lill-Ktieb ta’ Ester (immarkati bl-ittri tal-alfabett) iddaħħlu għal raġunijiet ferm differenti minn dawk li ddaħħlu fil-Ktieb ta’ Danjel. Iż-żjidiet lill-Ktieb ta’ Ester saru biex jinterpretawh u jadattawh għal sitwazzjoni storika għalkollox differenti minn dik li għaliha nkiteb Ester Lhudi. Iż-żjidiet jibdluh lill-ktieb. Mhux hekk iż-żjidiet li saru lill-Ktieb ta’ Danjel. Huwa minnu li tnejn miż-żjidiet, il-Kantiku ta’ Għażarija (Dan 3,24-45) u l-Kantiku tat-tliet Żgħażagħ (3,52-90) jintisġu b’xi mod mal-kuntest li fih tpoġġew għalkemm għandhom minn żjieda; b’danakollu, l-istorja ta’ Susanna (Dan 13), dik tal-Idolu Bel, u dik tad-Dragun (Dan 14) jidhru biċ-ċar li huma appendiċi għal ktieb li kien laħaq ġie ffurmat. Jidher li dawn il-biċċiet żdiedu mat-test Lhudi u Aramajk ta’ Danjel għaliex b’xi mod wieħed mill-personaġġi ewlenin jismu Danjel. Għall-Kattoliċi dawn iż-żjidiet kollha huma ispirati u kanoniċi filwaqt li għall-Protestanti mhumiex. Għalhekk qed ninkludu żewġ verżjonijiet tal-kotba ta’ Ester u Danjel: waħda bit-test Lhudi (Ester) jew Lhudi u Aramajk (Danjel) biss, mingħajr żjidiet; l-oħra biż-żjidiet kif dehru fl-Ewwel (1984) u fit-Tieni (1996) Edizzjoni. Il-verżjoni semitika taż-żewġ kotba nsibuha mat-Testment il-Qadim filwaqt li dik Griega mad-dewterokanoniċi.
Jalla li l-isforzi tagħna jservu mhux biss biex l-insara ikollhom f’idejhom kopja tal-Kelma ta’ Alla miktuba, il-Bibbja, bil-Malti, u biex il-Knisja fis-sens wiesa jkollha l-Kelma ta’ Alla mitbugħa mill-ġdid, imma wkoll biex l-insara jersqu eqreb lejn xulxin.
Il-Kummissjoni Biblika Permanenti
20 ta’ Lulju 2011